Il – Qilla Tal – Gwerra Fuq Ghawdex 1940-1943 (Tielet Edizzjoni Mkabbra)
L-istudjużi tal-istorja, l-anzjani li għandhom jiftakru l-gwerra, u għal dawk il-qarrejja kollha, fosthom żgħażagħ, li jħobbu l-istorja u l-qari ta’ fatti li seħħu f’pajjiżna, fit-Tielet Edizzjoni Mkabbra tal-ktieb tal-Melitensia Il-Qilla tal-Gwerra Fuq Għawdex 1940–1943, se jsibu dan il-ktieb ta’ siwi dokumentarju kbir, u aktar minn dak ippubblikat fis-sena 2020, b’ħafna aspetti soċjali li żgur se jolqtu lill-qarrejja. Għax fuq kollox l-aspett storiku għandu dejjem jintgħaġen ma’ dak soċjali sabiex l-istorja ddettalja u vera li ġrat toħroġ sħiħa. Dan il-ktieb fih 200 paġna iżjed mit-Tieni Edizzjoni li ħarġet fis-sena 2020 u jgħodd 720 paġna u magħhom 48 paġna b’131 ritratt (ħafna minnhom qatt ma dehru) fuq art paper, did-darba irrestawrati b’mod diġitali. Dan il-volum monumentali, il-bibbja ta’ Għawdex fil-gwerra, mill- bidu nett sal-aħħar ma jedha qatt mid-dettalji, irqaqat u mill-aspetti soċjali, u b’hekk dawn ilkoll li se jagħtu bixra aktar xierqa, interessanti u dinjituża lil din il-pubblikazzjoni; l-exħen waħda li qatt ġiet mitbugħa dwar suġġett storiku f’Għawdex. In-numru ta’ madwar 1,600 referenza li fih huma xhieda tar-riċerka vasta u kbira li saret biex inkiteb dan il-ktieb tul medda ta’ ħafna u ħafna snin; xogħol metikuluż u tal-mehel li rrikjeda bosta attenzjoni. Kif għedt fl-edizzjonijiet ta’ qabel, dan il-ktieb jimla vojt u baħħ kbir fl- istorja tat-Tieni Gwerra f’Għawdex, u għad jibqa’ bħala tifkira dejjiema għal dawk l-Għawdxin, li ġarrbu, sofrew u mietu taħt il-qilla tal-gwerra … u li għalihom huwa ddedikat il-ktieb. Fl-aħħar nett nemmen li bil-pubblikazzjon ta’ dan il-ktieb, inkun qtajt xewqa kbira, sodisfazzjon enormi, u li fuq kollox se mmut imserraħ, għax ma ridtx li nsiefer għal dejjem u ma nkunx ilħaqt ippubblikajt dan il-ktieb għall-verità tal-istorja, u l-imħabba li għandi għal Għawdex, art twelidi.
Charles Bezzina
Ir-Rabat, Għawdex 2026
‘U issa jmiss lilek, għażiż qarrej, li permezz ta’ dan il-ktieb nixtieq nurik minn xiex għaddiet il-ġenerazzjoni Għawdxija li kienet tgħix għall-ħabta ta’ nofs is-seklu għoxrin, u minn xiex għaddew il-ġenituri tiegħek bejn is-snin kiebja 1940–1943. Il-ġenerazzjoni moderna, medhija kif inhi fix-xalar li ġab miegħu l-progress, tinsab aljenata u ma tafx minn xiex għaddejna. Int li għandek il-ktieb f’idejk, għożżu, ibża’ għalih, u għaddih lil uliedek sabiex din il-ġrajja ma tintesiex u tgħaddi minn bniedem għal ieħor, minn ġenerazzjoni għal oħra, sabiex bħall-assedju tal-1798 tibqa’ monument ħaj għal dawk l- Għawdxin li tilfu ħajjithom u djarhom, flimkien ma’ ħafna Għawdxin li magħhom iltqajt u tkellimt, u li għadhom isofru l-konsegwenzi tal-gwerra sal- lum, wara li għaddew kważi erbgħin sena’.
Minn: Charles Bezzina u Frank Bezzina
Format: paperback, hardback
Pagni: 764


Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?