Mikiel Gonzi – Hamsin Sena Fit – Tmun
Dan il-ktieb, miktub minn Charles Buttigieg, huwa differenti mill-bijografiji l-oħra għaliex fl-impenn ġurnalistiku tiegħu, l-awtur għamel żmien jaħdem qrib sew tal-Arċisqof Gonzi u f’kitbietu fittex li jħares l-iżjed lejn Mons. Gonzi mil-lenti ta’ kif sar jafu personalment mill-1966 sa ma miet, fl-1984.
It-tifkira tar-realtajiet tal-imgħoddi u r-riflessjoni fuqhom jgħinu lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jħaddnu t-tagħlimiet opportuni li toffri l-istorja u hekk ikun jista’ jinbena ġejjieni dejjem aħjar, l-awtur jiffoka fuq l-Arċisqof Gonzi bħala ragħaj, mexxej, riformatur u patrijott. Fil-ktieb huwa joffri lill-qarrej kullana ta’ tagħrif li qed isir magħruf għall-ewwel darba u li jgħin lil dak li jkun jagħraf, jifhem u jevalwa aħjar ċert ġrajjiet fil-ħajja ta’ Mons. Gonzi u dik tal-Knisja f’Malta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, drawwiet u mentalitajiet taż-żmien.
Għajnuna kbira f’din id-direzzjoni naħseb li huma r-rakkonti fattwali tal-awtur dwar kif żviluppaw ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-Istat f’Malta wara l-ftehim ta’ paċi li sar fl-1969 bejn il-Knisja u l-Malta Labour Party, u kemm Mons. Gonzi ħadem u għamel sagrifiċċji biex ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat jibqgħu f’bilanċ sostenibbli.
Hemm ukoll it-tagħrif fuq l-impenn ta’ Mons. Gonzi biex il-Knisja f’Malta tiġġedded skont it-tagħlim u l-ispirtu tal-Konċilju u biex iseħħu ċerti riformi tant mixtieqa u meħtieġa fil-Knisja f’Malta. Kien fi żmien Mons. Gonzi li seħħew jew bdew inizjattivi ġodda fi ħdan il-Knisja f’Malta, fosthom is-Servizz Riċerka Pastorali, l-ewwel Pjan Pastorali u r-Riforma Amministrattiva.
Fil-ġenerlità tiegħu u l-isfond li joffri dwar x’kien qed jiġri wara l-kwinti f’ċerti ċirkustanzi, il-ktieb ifittex li jkun ukoll ta’ għajnuna biex il-qarrej jifhem kif kienet qed tħabbat qalb Mons. Gonzi f’ċerti sitwazzjonijiet delikati fejn membri tal-Knisja, inklużi xi membri individwali tal-kleru, forsi ma qablux fl-ideat tagħhom ma’ ċerti gwidi jew interpretazzjonijiet mogħtija minnu.
Dan il-ktieb jippreżenta ruħu bħala kontribut ieħor ta’ Charles Buttigieg, li flimkien mal-memorji ppubblikati diġà ta’ Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, biex tinġabar l-istorja tal-Knisja f’Malta fit-tieni parti tas-seklu 20. Dan il-volum hu miżgħud b’ħafna ritratti li qed jiġu ppubblikati għall-ewwel darba.
Minn: Charles Buttigieg
Format: Hardback
Pagni: 304
Kundizzjoni: gdid
Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?