Hajja U Mewt U Il-Mard U S-Saħħa F’Għawdex Fi Żmien L-Arċipriet Dun Martin Camilleri 1910-1921
Huwa t-titlu ta’ ktieb ġdid ta’ Mario Saliba. L-awtur jippreżenta r-riżultat ta’ riċerka importanti dwar l-istorja tas-saħħa, tas-sitwazzjoni soċjali u l-kontribut li ta s-saċerdot Martin Camilleri fis-snin ta’ qabel u wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-ktieb ta’ 329 paġna fih minjiera ta’ tagħrif fuq medda qasira ta’ żmien fl-istorja ta’ Għawdex. Dan il-ktieb jimla lakuna importanti fl-istorja ta’ Għawdex. Għalkemm jissemma ħafna n-Nadur fi żmien l-Arċipriet Dun Martin Camilleri, il-firxa u t-tematika tal-ktieb huma fuq Għawdex kollu. Saliba jimraħ fuq ġrajjiet Għawdex bil-problemi tas-saħħa li tfaċċaw f’dak il-perjodu. Ir-riċerka li saret għall-ewwel darba f’dokumenti oriġinali u qatt ma’ kienu riċerkati qabel, jagħmlu l-ktieb iktar interessanti. Bħalissa aħna qegħdin fi żmien ta’ pandemija li qed tifleġ lid-dinja. Il-ktieb jagħtina ħjiel dwar il-miżuri li ttieħdu f’pandemija oħra, dik tal-influwenza Spanjola, ftit iktar minn mitt sena ilu.
Il-ħajja soċjali tilgħab parti importanti f’dal-ktieb. Kienet ħajja fqira, u l-bidwi kien jistinka mis-sebħ saddlam biex jaqla’ l-bukkun tal-ġurnata. Kien hawn familji b’ħafna ħluq li jridu jieklu minn dak li kienet jipprovdulhom ir-raba’ tagħhom. Xejn ma kien jintrema dakinhar, u meta kienu jsajru xi tiġieġa, ir-rix tagħha kienu jerfugħ biex jimlew l-imħaded. Il-bdiewa kienu jieħdu t-tagħam għand it-taħħan biex jitħnuh, u jiġbru d-dqiq mingħandu u l-qxura kienu jagħtuha lill-fniek. Bit-tiben kienu jimlew is-saqqijiet, u b’affarijiet sempliċi jagħmlu għodod u ħwejjeġ oħra. Kull roqgħa raba’ kienet tinħadem. Xejn ma kien għalxejn. Il-ħarrub ma kienx jitħalla jaqa’ mis-siġar, imma jinġabar u jagħtuh lill-annimali, u ġieli jikluh huma stess. Lanqas il-bajtar tax-xewk ma kien jintema. Għal kollox kienu jsibu tarf, u s-suf tan-nagħaġ kien jinħadem biex minnu jagħmlu ħwejjeġ u fradi. Kienu hawn aktar nies tas-snajja’ minn dawk tal-lum, fosthom dawk li jagħmlu l-kwiener, iħabbtu l-qoton, u jinsġu n-newl, … u l-poplu kollu minkejja l-faqar li kien jgħix fih, għaraf jimbotta l-mutur tal-ħajja bil-perseveranza tiegħu.
F’dan il-ktieb insibu l-lista tal-mard li jittieħed li kien jaffettwha n-nies dakinhar. Ma kienx ħawn mediċini apposta, u għalhekk kienu jirrikorru għad-duwa tal-ħxejjex. Kienu jmorru għand nies li jgħidu kellhom il-ħila jfejqu n-nies b’dak li jagħtuhom. Kien għad hawn il-biża’ li persuna tidħol l-isptar jew Lazzarret, fejn kien hemm morda bil-mard li jittieħed. Ma kienx hawn fiduċja fl-isptarijiet… u l-poplu fil-biċċa l-kbira tiegħu kien għadu illetterat u injorant.
Wieħed isib b’ċertu dettall tal-impatt li ħalliet l-Ewwel Gwerra Dinjija, meta bosta Għawdxin ssiebħu fil-Labour Corps u ttieħdu Salonika, minn fejn uħud mardu bil-malarja u mietu.
Dan il-ktieb huwa mżejjen b’ritratti antiki li l-awtur ġab il-permess biex jippubblikahom mingħand diversi persuni, mill-Arkivju Parrokkjali tal-parroċċa tan-Nadur u mill-Arkivju Nazzjonali. Fil-maġġoranza tagħhom huma ritratti ta’ Mikiel Farrugia, Il-Badiku, li allaħares ma kienx hu, għax kieku mgħandniex id-dehriet sbieħ u interessani li hu ħa minn Għawdex tal-imgħoddi.
Għalkemm f’dan il-ktieb, Mario jieħu spunt minn arċipriet ħabrieki fir-raħal tan-Nadur, huwa jmur oltre minn dik illi tissejjaħ storjografija Għawdxija. Mario jitafa’ l-vista tiegħu aktar ‘il bogħad mill-konfini dejqa ta’ parroċċa, knisja u banda. Dan ix-xogħol jista’ jiġi kkunsidrat bħala eżempju tipiku ta’ microhistory. Veru l-aċċent ewlieni huwa fuq l-aspett mediku pero` dan mhux talli ma jnaqqas xejn mill-mertu tal-ktieb imma saħansitra jżidu. Fl-aħħar mill-aħħar, Mario huwa tabib u ma jistax jonqos illi huwa jagħti attenzjoni li dan il-kamp.
Dan ix-xogħol juri illi barra l-interessi prevalenti ta’ min jikteb fuq Għawdex, hemm aspetti oħra tal-ħajja f’dak il-perjodu li jistħoqilhom attenzjoni, riċerka u kitba. Huwa veru li mhux faċli li wieħed isib sorsi primarji sodisfaċenti u eżawrjenti. Wara kollox, il-Knisja fil-Gżejjer Maltin, pero` partikularment f’Għawdex, kienet tgwadi egemonija assoluta u kienet prattikament l-unika istituzzjoni li qagħdet attenta biex tipproteġi d-dokumenti u materjali oħra tagħha. Mhux ta’ b’xejn għalhekk illi meta wieħed jibda jfittex, dak li jsib huwa marbut mal-Knisja. Pero` f’dan il-ktieb Mario Saliba jurina li riċerka għaqlija, interess serju fis-suġġett u determinazzjoni jistgħu jikxfu aspetti oħra tal-ħajja f’Għawdex. L-awtur irnexxielu jiftaħ tieqa fuq is-saħħa u l-mard, il-ħajja u l-mewt f’kommunita` f’Għawdex fil-bidu tas-seklu għoxrin.
Minn: Mario Saliba
Format: paperback
Paġni: 329
Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?