Description
Ġorġa
Kif qalet dan il-kliem tbissmet, dawret driegħha ma’ qaddu u Lippu ġibidha lejh minn spallitha. “Tiftakar Lipp, għid?” Lippu dawwarha lejh b’idu l-leminija, għax fl-oħra kellu l-ixkora bil-ful, għannaqha waħda sewwa miegħu u biesha fuq xofftejha. Kif telaqha ħares bis-serjetà’ lejha u qalilha, “X’suppost kelli niftakar għax insejt?” U kif ra wiċċha jinħasad, infaqa’ jidħak kemm jiflaħ, u meta Ġorġa indunat li kien qed jgħaddi ż-żmien biha, qarsitlu ġenbu u hu aktar daħak. “Qed tara x’tagħmilli, hux? Issa lanqas naf x’kont qed ngħid,” qalet, filwaqt li daħqet miegħu. Meta waqfu taħt il-ħajt, eżatt fejn kienu qabżu għan-naħa l-oħra l-Ħadd ta’ qabel, tgħannqu waħda kbira. Kif inqalgħu, Ġorga qalet, “Nerġghu?”
Tumas
Majsi, ghax is-sur Tumas kulħadd hekk kien jafu minn ċkunitu sakemm sar tar-rispett, twieled f’dar kbira n-naħa l-oħra tal-wied ta’ Hal Qormi fi sqaq iserrep u ma jinfidx. Kien ir-raba’ wild mis-sebgħa li welldet ommu Ġorġa. Iżda minn dawn is-sebgħa, ħamsa biss kibru, u Majsi spiċċa l-kbir fosthom. It-tlieta ta’ warajh inzertaw kollha bniet.
Mari bilkemm riedet temmen lil widenejha. Kienet bilqiegħda fuq is-sodda, maġenb Ġorġa l-għada li twieled Tumas. “Imma Ġorġa ruħi,” qaltilha, “għandek lil omm Lippu u ‘l ħutek ukoll lil min tqiegħed. Aħna mhux diġa’ qgħadna ta’ Sidor, Alla Jaħfirlu?”
“Ara, zi,” bdiet Ġorġa, “mhux ġa qallek ilbieraħ, Lippu? Lil ommu ġa kellimnieha wkoll. Jaqaw ma smajtux jgħidlek? Jew lanqas miss kont tal li kellmek.”
Lunzjat
Damet xi siegha, Lunzjat, biex welldet. Iżda ma kien twelid diffiċli xejn.
Ma’ l-ewwel bikja tat-tarbija, Majsi daħal jiġri. Warajh daħal Lippu. Izda Matti u Bertu baqgħu barra. Ġorġa kellha toqogħod tistenna sakemm Sina l-qabla haslet lit-tarbija sewwa u ġezwritha f’xugaman. L-ewwel kliem ta’ Sina kien, “Ghandek ġmiel ta’ tifel Alla jbierku, Lunzjat.”
Majsi lanqas ta ċans ll Sina tqiegħed lit-tifel għall-ewwel darba f’dirgħan Lunzjat biex imqar tħares lejn wiċċu għax hatfu mill-ewwel f’dirgħajh u qagħad ihares skantat lejn dak il-wiċċ żghir u mghaffeġ. U Majsi kien b’ħalqu miftuħ beraħ għadu ma jistax jemmen x’kellu f’dirgħajh meta Ġorġa, fl-aħħar, resqet lejh u ħarset għall-ewwel darba lejn wiċċ it-tarbija. U dak il-ħin fehmet kollox.
Jason
Kien wasal quddiem il-kappella. Ftit passi oħra u jkun fl-intrata. U mbagħad kemm jgħolli l-ganġetti u jdawwar il-muftieh. F’dak it-tvenvin kollu min kien se jisma’ t-tidwir tal-muftieħ? U l-bieb iħallih beraħ. X’jimpurtah, imbagħad? L-aqwa li jkun ħeles. L-aqwa li jkun ħarab minn sentenza ta’ ħabs għal għomru. U jimxiha sad-dar. U jfehemhom lil ommu u ‘l missieru. Jgħidilhom li ried jgħix. Ried jgħix ħieles ma’ xi ħadd li tħobbu. Ma’ xi ħadd …
Waqaf maħsud u sammar dahru mal-ħajt. Il-ħoss qawwi tal-bieb tal-kappella jinfetaħ qisu bir-riħ ħasdu għal kollox. Aktar minn hekk ħasdu r-raġġ dawl qawwi li ħareġ mill-kappella dritt għal fuq wiċċu. Ma setax iħares lejn dan id-dawl u kellu jtella’ jdejh biex jgħatti għajnejh. Iżda ħass bħal idejn jiġbdulu tiegħu minn ma’ wiċċu u jmexxuh ‘il quddiem. B’għajnejh magħluqa xorta beda jħoss id-dawl iweġġgħu. Iżda min kien qed imexxih kompla jiġbdu aktar ‘il quddiem sakemm waqqfu bilwieqfa u telaqlu jdejh ma’ ġenbejh.
Minn: Charles Micallef St John.
Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?