Salammbo
It-traduzzjoni ta’ Salammbô rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2014 fil-Kategorija tat-Traduzzjoni.
“Salammbô ħallet l-imsielet ta’ widnejha, il-ġiżirana, il-brazzuletti, il-libsa twila; ħallet iż-żigarella ta’ ma’ xagħarha, u għal ftit minuti ċaqalqitu fuq spallejha, bil-ħlewwa, biex hi u tferrxu tiffriska lilha nfisha. Id-daqq barra kompla għaddej; kienu tliet noti, dejjem l-istess, mgħaġġlin, furjużi; il-kordi kienu qed iżaqżqu, il-flawt kien qed jonfoħ; Tagħnak kienet qed iżżomm ir-ritmu hi u tħabbat idejha; Salammbô, hi u ċċaqlaq ġisimha kollu ’l hawn u ’l hemm, kienet qed tgħanni t-talb, u l-ilbiesi, waħda wara l-oħra, kienu qed jaqgħu madwarha. It-tapizzerija tqila triegħdet, u dehret ras il-piton. Niżel bil-mod, donnu qatra ilma tgelgel ma’ ħajt, jitkaxkar bejn il-ħwejjeġ sparpaljati, imbagħad, b’denbu mwaħħal malart, refa’ lilu nnifsu dritt dritt; u għajnejh, aktar brillanti mill-karbunkli, żeġġu lejn Salammbô.
Il-biża’ mill-kesħa jew il-mistħija, ġegħelha għall-ewwel teżita. Iżda ftakret l-amar ta’Xahabarim, u avvanzat; il-piton dawwar lilu nnifsu ’l isfel, u ħalla rasu u denbu jiddendlu, bħal giżirana maqtugħa biż-żewġt itruf tagħha jkaxkru mal-art. Salammbô dawritu madwar ġenbejha, taħt dirgħajha, bejn irkupptejha; imbagħad qabditu mill-ħanek, resqet dan il-ħalq żgħir trijangulari sax-xifer ta’ snienha, u, hi u tbexxaq għajnejha, tefgħet lilha nfisha lura fuq ir-raġġi tal-qamar. Id-dawl abjad deher qed jiksiha bi ċpar tal-fidda, il-forma tal-passi għarqanin tagħha kienet qed tleqq fuq il-pavimenti tal-irħam, kwiekeb kienu qed jitriegħdu fil-qiegħ tal-ilma; issikka magħha ċċrieki suwed ittikkjati tal-qxur ta’ denbu. Salammbô kienet qed tilheġ taħt dan il-piż tqil iżżejjed, ġenbejha kienu qed jitgħawġu, ħassitha qed tmut; u bit-tarf ta’ denbu ta daqqa bil-ħlewwa kollha ma koxxitha; imbagħad id-daqq siket, u reġa’ nqala’ mill-ġdid.”
Gustave Flaubert (1821-1830) hu l-aktar magħruf għar-rumanz tiegħu Madame Bovary. Fil-letteratura Franċiża jitqies b’mod partikulari bħala wieħed mill-ġganti tas-seklu dsatax u b’mod ġenerali bħala wieħed mill-kittieba Franċiżi ewlenin. Salammbô ġie ppubblikat fl-1862 u nħadem kemm bħala opra kif ukoll bħala film.
Minn: Paul Zahra
Format: paperback
Pagni: 328
Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?