Meaulnes It-Twil
Rumanz Franċiż Le Grand Meaulnes ta’ Alain-Fournier, li deher għall-ewwel darba l-1913, ġie tradott f’aktar minn sittin lingwa, fosthom iċ-Ċiniż u l-Korean. bl-Ingliż u bit-Taljan ġie tradott għal bosta drabi minn tradutturi differenti. Dan fih innifsu juri s-suċċess mifrux u kontinwu li kellu dan ix-xogħol letterarju. Fir-rumanz Alain-Fournier jinseġ ir-rakkont tiegħu bħall-ħrejjef folkoristiċi li tant jgħaxxqu ż-żgħar u l-kbar u jdaħħal lill-qarrej f’dinja mistħajla u surreali mimlija fantasija, imħabba u nostalġija għall-imgħoddi mitluf.
Wara li ħarab mill-iskola, Wistin Meaulnes, imlaqqam it-Twil minn sħabu tal-iskola ta’
Sant’Agata, jintilef u jsib ruħu wara nżul ix-xemx f’dominju mwarrab, f’nofs il-kampanja, imżejjen b’lanterni kkuluriti, fejn kienet qed titħejja festa misterjuża u karnivaleska. Ma kellux għażla ħlief li jitħallat mal-folla tal-mistednin. X’kienu qed jagħmlu hemm f’nofs il-foresta dawn in-nies kollha? X’ra u ma’ min iltaqa’ Meaulnes fil-jumejn li qatta’ fid-dominju misterjuż? Għaliex din l-avventura kellha taqliblu ħajtu ta’ taħt fuq? Għala wasal biex ammetta ma’ ħabibu François: “Seurel … taf kemm kienet għalija mhux tas-soltu l-avventura li kelli Sant’Agata. Kienet ir-raġuni għaliex kont qed ngħix u għaliex kelli t-tama. Dik it-tama tliftha, x’kellu jsir minni? … Kif stajt ngħix bħalma jgħixu l-oħrajn!
Allura ppruvajt ngħix ’il bogħod minn hawn, f’Pariġi, meta rajt li kollox kien spiċċa u li kien kollu ħela ta’ ħin li noqgħod infittex id-Dominju mitluf … Iżda metatkun doqt il-ġenna tal-art, kif tista’ terġa’ ssib postok f’ħajtek bħall-oħrajn? Dak li kien il-ferħ taloħrajn stħajjiltu tad-daħk. U meta, b’mod sinċier, minn jeddi, iddeċidejt jum minnhom li nagħmel bħall-oħrajn, dakinhar ħsadt rimors għal żmien twil …”
Minn: Paul Zahra.
Pagni: 238
Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?