Il – Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom (Tielet Volum)
Ħafna qarrejja stennew bil-ħerqa t-titbigħ tat-tielet volum, wara li t-tieni volum ta’ Il-Maltin: għemilhom, drawwiethom, ġrajjiethom rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, fit-taqsima ta’ riċerka storika. Dan il-volum, l-akbar wieħed s’issa, jippreżentalna aktar stejjer fattwali ta’ rakkontaturi li jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom, fosthom il-waqtiet ta’ ferħ u diqa huma u jħarsu lura lejn it-tiġrib ta’ ħajjithom. Jiftħu qalbhom mal-kittieb Steve Borg, li b’ħila kbira niseġ kliemhom f’narrattiva mexxejja, lineari u mimlija tagħrif, fejn l-intietef, l-aneddoti u anki l-isfond soċjali li għexu fih jgħaqqdu l-kwadru sħiħ kif mixhud f’din il-kitba. Biex nifhmuhom aħjar Borg jislet minn ħafna dokumenti oriġinali merfugħin fl-arkivji nazzjonali ta’ Malta u Għawdex, li jidhru bħala annotazzjonijiet. Naqraw ir-rakkont tal-kustodju tal-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, li kien ukoll sagristan ta’ kappella fil-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, inklużi s-snin koroh tal-gwerra u t-tiġrif tal-Belt Valletta, ta’ bidwi li trabba f’Miżieb ir-Riħ, u li jitkellem dwar it-tiswir tal-Mellieħa minn raħal maqtugħ għalih, ta’ Żejtunija li sabet kenn mill-bombi ma’ familtha ġo għar f’Birżebbuġa, ta’ suldat tal-R.M.A. li fis-snin sittin serva ma’ mijiet ta’ Maltin fil-Ġermanja tal-Punent.
Minn: Steve Borg
Format: hardback
Paġni: 422


Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?