Il – Linja Tad – Ding Dong.
Vjagg qasir u avventuruz fuq il-binarji tas-sarkazmu u r-realta.
MALTI, INGLIŻ JEW KAWLATA LINGWISTIKA?
L-uniċi lingwi li ma jinbidlux huma l-lingwi mejta. Kieku l-Malti ma nbidilx tul is-sekli, kieku għadna nitkellmu bl-Għarbi. Imma hemm differenza bejn il-Malti Kontemporanju u t-taħlita ta’ Malti u Ingliż li l-ħin kollu nisimgħu madwarna?
M’hemmx tweġiba sempliċi: jekk jien imdorri ngħid ‘tarbija’ u ‘għalliema’, meta nisma’ lil xi ħadd igħid ‘baby’ u ‘teacher’ f’nofs sentenza bil-Malti, dik għalija tkun taħlita. Imma għal dan tal-aħħar, ikun qed jitkellem bil-Malti Kontemporanju.
‘Oh no, now we’ve got a taħwida!’ insejħulha taħlita. Forsi naqblu wkoll li ‘Irrid nissejvja dan il-file u niddawnlowdja programm ġdid’ huwa eżempju ta’ Malti Kontemporanju.
Prof. Albert Borg
IRIDU JIDHRU U JINTUŻAW INDAQS
Fil-kuntest globali, il-multilingwiżmu huwa s-sitwazzjoni lingwistika l-aktar komuni u,f’ħafna komunitajiet fid-dinja, il-membri tal-komunità jużaw aktar minn lingwa waħda fil-ħajja ta’ kuljum. X’nifhmu eżatt bil-bilingwiżmu? Idealment, min hu bilingwi jkun kapaċi jesprimi ruħu tajjeb b’żewġ lingwi. X’inhi r-realtà hawn Malta? Studji lingwistiċi juru li ż-żewġ lingwi mhumiex indaqs, la f’termini ta’ profiċjenza u lanqas fl-użu. Jidher li, fil-waqt li fil-mitkellem jiddomina l-Malti, fil-miktub u fid-deher jiddomina l-Ingliż. Mhix sitwazzjoni ideali. Jekk irridu nkunu vera bilingwi, għandna niżguraw li ż-żewġ lingwi jidhru u jintużaw indaqs u li t-tnejn jintużaw tajjeb, kemm fil-mitkellem kif ukoll fil-miktub.
Prof. Ray Fabri
MIXJA MALTIJA
It-tfajla fil-ħanut tal-pjanti bdiet tispjegali fejn se jkun il-ħanut il-ġdid li kienu se jiftħu dalwaqt. Klijent regolari ma jaqbillekx titilfu kif ġieb u laħaq!
Ħarġet karta mill-kexxun u b’lapes bdiet tħożżli mappa żgħira, tħożż u tfissirli. “Hawnhekk,” qaltli “hawn il-knisja ta’ Fatima”… ħażżet salib u kitbet CHURCH. “Kif tikser, issib spiżerija”… u salib ieħor u PHARMACY. “Jekk tieħu din it-triq issib id-dwal” … ċirku żgħir u LIGHTS.
Sakemm wasslitni fin-NEW SHOP tagħha, jien kont diġà ntlift mat-triq, inħares lejha u nitbissem. Refgħet rasha f’daqqa u qaltli: “Qed tifhimni? Għaliex qiegħed tidħaq?” Għedtilha: “Qed niggustak, qed niggustana: tgħidhieli bil-Malti u tiktibhieli bl-Ingliż.”
“Iii, tassew!” qaltli mifxula, “Kos, għaliex, hux?”
Ma weġibthiex. Kif tista’ tfisser fuq karta żgħira l-komplessità u l-misteri tal-bilingwiżmu Malti?
Prof. Manwel Mifsud
Minn: Charles Flores
Format: paperback
Pagni: 88
Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?