Guzeppi Mercieca – Raghaj Ghall Kull Stagun.
Fl-ewwel anniversarju mill-mewt tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca qed jitnieda ktieb ġdid dwaru, miktub minn Charles Buttigieg, bit-tema Ragħaj għal kull staġun.
L-Arċisqof Mercieca mexxa l-Arċidjoċesi ta’ Malta mill-1976 sal-2006. F’Settembru 2014, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-40 sena mill-ordinazzjoni episkopali tiegħu (1974), ġew ippubblikati l-Memorji tiegħu, miktubin ukoll minn Charles Buttigieg. Il-ktieb il-ġdid huwa komplimentari għall-Memorji ta’ Mons. Mercieca, l-iżjed dwar kif l-awtur jiftakar lill-Arċisqof Mercieca l-ewwel bħala editur (1972-1987) tal-ġurnal ta’ kuljum Il-Ħajja li kien jiġi ippubblikat fi ħdan il-Knisja f’Malta, imbagħad bħala l-persuna responsabbli għar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Kurja tal-Arċisqof (1987-2009), u wara bħala persuna li baqa’ qrib tiegħu (2009-2016).
Il-ktieb fih ħames taqsimiet. L-ewwel tliet taqsimiet iħarsu lejn l-Arċisqof Mercieca bħala “Saċerdot skont il-qalb ta’ Ġesù’, “Rikonċiljatur għani fis-sabar” u “Xandar tal-Evanġelu”. F’dawn it-taqsimiet l-awtur jiffoka, fost oqsma oħrajn, fuq l-isfond li minnu kien ġej l-Arċisqof Mercieca, is-sisien pastorali tat-tmexxija tiegħu, l-imħabba li kellu għas-saċerdozju, kemm kien qrib il-bniedem imġarrab, u kif baqa’ l-bniedem li kien. Jitratta wkoll kif Mons. Mercieca kien jimxi f’ċirkustanzi ta’ tqanqil, is-sagrifiċċji tiegħu biex jaħdem għar-rikonċiljazzjoni, kif mexxa ’l fuq mill-politika partiġjana, kif baqa’ jħobb u jaħfer, u l-impenn tiegħu fil-qasam tal-komunikazzjoni soċjali fi ħdan il-Knisja u x-xandir tal-Evanġelu.
Ir-raba’ taqsima tiftaħ b’ħarsa tal-awtur lejn l-aħħar snin ta’ Mons. Mercieca, sal-jum li fih miet. Il-bqija tar-raba taqsima hija dedikata għal pronunzjamenti jew kitbiet dwar Mons. Mercieca – numru minnhom miktubin esklussivament għall-ktieb il-ġdid – ta’ ħames isqfijiet u disa’ saċerdoti.
Il-ħames taqsima fiha tliet kapitli li fihom l-awtur juri kif l-Arċisqof Mercieca kien iħares lejh innifsu, x’qalu dwaru meta kien għadu ħaj, u x’qalu dwaru ma’ mewtu. Dawn l-aħħar żewġ kapitli huma ġabra ta’ kwotazzjonijiet ippubblikati jew imxandra meta Mons. Mercieca kien għadu ħaj u wara li miet.
Il-ktieb fih 680 paġna li jinkludu Indiċi. Fih ukoll 64 paġna oħra ritratti, miġburin fi tliet taqsimiet.
It-tema tal-ktieb, Ragħaj għal kull staġun huwa ispirat mill-mod kif l-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva lill-Arċisqof Emeritu Mercieca fil-quddiesa tal-funeral tiegħu.
Minn: Charles Buttigieg
Format: Hardback
Pagni: 768
Reviews
There are no reviews yet, would you like to submit yours?