|
Maqlub ghall - Malti minn: Prof Toni Aquilina u Joanne Micallef,
Pubblikati: Faraxa Publishers,
Pagni: 232
Il-psikjatra Dr Brian Weiss kien ilu jaħdem mal-pazjenta żagħżugħa tiegħu Catherine tmintax-il xahar sħaħ. Lil Catherine ta’ spiss kienu jagħtuha attakki ta’ ħmar il-lejl u kienet tbati minn anzjetajiet kroniċi. Meta l-metodi psikjatriċi tradizzjonali fallew, Dr Weiss dar għall-ipnożi u baqa’ mistagħġeb, anki jekk xettiku, meta Catherine bdiet tiftakar trawmi li kellha fil-ħajjiet imgħoddija tagħha u li dehru joffru s-soluzzjoni għall-problemi tagħha fil-ħajja preżenti.
Ix-xettiċiżmu ta’ Dr Weiss telqu għal kollox meta Catherine bdiet tittrasmetti messaġġi mill-‘ispazju bejn ħajja u oħra’, li kien fihom rivelazzjonijiet tal-għaġeb dwar ħajtu stess. Hi u tagħmilha ta’ medjum biex tgħaddi tagħrif minn entitajiet ta’ spirti evoluti hekk imsejħa l-Imgħallmin, Catherine żvelatlu ħafna sigrieti fuq il-ħajja u l-mewt.
Dan il-każ affaxxinanti mhux talli bidel ħajjet Catherine u dik ta’ Dr Weiss b’mod drammatiku, iżda jipprovdi tagħrif importanti fuq il-misteri tal-moħħ, il-kontinwazzjoni tal-ħajja wara l-mewt u l-influwenza li jkollhom l-esperjenzi tagħna fil-ħajjiet imgħoddija fuq il-mod kif inġibu rwieħna llum. |